GĦALIEX
GĦANDEK TIVVOTA

Ambjent


Tibdil fil-klima

L-UE tinsab minn ta’ quddiem fejn għandu x’jaqsam il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. 20% tal-baġit tal-UE jmur għal azzjonijiet klimatiċi.

Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, il-miri tal-2030 huma saħansitra aktar ambizzjużi minn qabel: tnaqqis ta' 40% tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra meta mqabbel mal-livelli tal-1990. Hemm ħafna mekkaniżmi li tuża l-UE biex tilħaq il-miri.

Taqra aktar.


Il-finanzjament ta’ proġetti ambjentali

Kbar jew żgħar, l-UE tiffinanzja ħafna proġetti ambjentali u NGOs.

NGOs ambjentali li jaħdmu favur in-natura, il-biodiversità, l-ekonomija ċirkolari u l-kwalità tal-ħajja jiksbu fondi permezz tal-programm LIFE kull sena. WWF Europe, Climate Action Network Europe, Friends of the Earth Europe, BirdLife Europe, u Slow Food huma biss ftit mill-NGOs ambjentali Ewropej bla skop ta' profitt, li jirċievu fondi mill-UE.

L-awtoritajiet lokali jirċievu wkoll appoġġ mill-UE dwar il-proġetti u l-programmi ambjentali tagħhom.

Taqra aktar hawn u hawn.


Protezzjoni tal-annimali

L-annimali ma tistax ma tħobbhomx. Anke dawk perikolużi huma essenzjali għall-ambjent tagħna. L-UE ħolqot leġiżlazzjoni biex tipproteġi l-annimali f'kull kuntest.

Permezz tal-liġi tal-UE tista’ tieħu l-annimali tiegħek miegħek meta tivvjaġġa lejn pajjiż ieħor tal-UE. L-annimali tar-razzett għandhom kundizzjonijiet diċenti, huma protetti mill-uġigħ u għandhom jitħallew jesprimu l-imġiba normali tagħhom. L-UE tirrikonoxxi l-annimali bħala ħlejqiet b’sentimenti u toħloq regoli kif inhu xieraq.

Annimali selvaġġi fl-UE huma protetti f'żoni ta’ natura speċjali. Barra minn hekk, l-UE hija riġida ħafna fit-traffikar tal-annimali selvaġġi u tappoġġja l-protezzjoni tal-biodiversità madwar id-dinja.

Taqra aktar hawn u hawn.


Kif teħles minn plastik li jintuża darba biss

Mit-tmien biljun borża tal-plastik li nużaw fl-Ewropa kull sena, ħafna minnhom jispiċċaw fl-ibħra tagħna bħala skart marittimu. Huma jibqgħu fl-ekosistema għal mijiet ta’ snin u jikkawżaw ħsara kbira fuq l-annimali selvaġġi.

Il-pajjiżi tal-UE huma mħeġġa jimplimentaw miżuri biex inaqqsu l-użu tal-boroż tal-plastik. Il-mira li jmiss hija t-tnaqqis tal-plastik l-aktar użat fil-bajjiet, bħal straws, platti u tazzi li jintużaw darba biss. Barra minn hekk, l-UE trid tiżgura li l-imballaġġ tal-plastik kollu jkun riċiklabbli sal-2030.

Taqra aktar